Parkeġġ ġdid għar-residenti ta’ Birżebbuġa għas-sajf li ġej

Waħda mill-problemi li jaffaċċjaw ir-residenti ta’ Birżebbuġa, b’mod speċjali fis-sajf, hija n-nuqqas ta’ parkeġġ. Iżda din il-problema se tkun qiegħda tittaffa, hekk kif ix-xogħol fuq il-parkeġġ il-ġdid ta’ ’l fuq minn 400 karozza mill-Freeport miexi ġmielu. Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri waqt li żar ix-xogħlijiet f’dan il-parkeġġ.

Kif jitlesta l-parkeġġ, dan se jgħaddi lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa għall-użu tar-residenti. Huwa tenna li dan huwa l-mod pożittiv kif il-Korporazzjoni tgħin lill-komunità ta’ Birżebbuġa, f’dan il-każ b’investiment ta’ €3.2 miljun.

Dan il-parkeġġ, li mistenni jkun lest sal-bidu ta’ dan is-sajf, qed jinbena fuq art ta’ ’l fuq minn 5,000 metru kwadru u huwa maqsum fuq tliet sulari, b’żewġ sulari minnhom se jkunu qegħdin jintużaw mir-residenti.

“L-importanza ta’ dan il-port għall-ekonomija ta’ pajjiżna hija rikonoxxuta minn kulħadd, iżda bħala gvern aħna kommessi li naraw li l-komunità ta’ Birżebbuġa tgħix b’mod seren. Il-Korporazzjoni fil-fatt twettaq diversi proġetti ta’ corporate social responsibility fil-lokalità, fosthom bl-iskema fil-passat tad-double glazing u għajnuniet lill-għaqdiet sportivi tal-lokal. Dan il-parkeġġ huwa l-akbar  proġett ta’ Corporate Social Responsibility li se jagħmlu użu minnhu r-residenti ta’ Birżebbuġa,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Freeport David Magro qal li f’dan il-parkeġġ se jkun hemm ukoll spazji għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u charging pillars għall-karozzi elettriċi. Huwa rringrazzja wkoll lill-Projects Plus li qed jibnu dan il-parkeġġ.